Tħossok imxerred?
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-30 Ħadd
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?”. Qallu Ġesù: ““Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti”.
(Mt 22, 34-40)
Riflessjoni u talba:
i.Wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?”
Niġri minn ħaġa għal oħra,
ma nistax inlaħħaq,
imxerred!
U tant kmandamenti,
regoli, aspettativi:
kollha jidhru serji …
il-libsa tat-tieġ trid taqbel mal-fjuri u s-souvenier
sal-kalzetti ta’ meta mmur l-iskola iridu jkunu tad-ditta
hemm numru maġiku ta’ kemm trid tkun wiesgħa …
minn isfel, fin-nofs u minn fuq …
u la tkunx negattiv anke jekk il-ħażin qed jivvelena kollox!
Liema minn dawn hu l-akbar kmandament?
Irrifletti
- Fejn tesperjenza l-ħajja b’dan il-mod?
ii. Qallu Ġesù: ““Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”.
Ma jieħux ħin biex iwieġeb
Mhux imxerred jipprova jinġieb minn hawn u minn hemm
Fejn kull aspettativa tieħu l-piż ta’ kundanna għal ħajtek
bla mħabba, bla approvazzjoni, mormi!
Fil-ġewwieni tiegħu marbut mal-imħabba eterna
l-enerġija tiegħU kollha għand għajn u direzzjoni waħda:
Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek.
U taqa’ l-paċi!
Irrifletti
- Ieqaf fuq il-kliem “Hobb lill-Mulej, Alla tiegħek”. Xi tfisser li tagħmel dan il-kliem tiegħek?
iii. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”.
Imxerrda, għal rasna,
diffiċli nafda,
infittex li jaqbilli.
B’sentenza waħda Ġesù
iniedi l-proċess ta’ fejqan ta’ soċjetà miġruħa:
min jaf ma jumiljax b’arroganza lil min ma jafx
min għandu l-poter ma jaħlix l-enerġija biex jiddefendih iżda biex jerfa’ lil min m’għandux
ibni pontijiet li jservu kemm lilek u kemm lill-persuna l-oħra!
Irrifletti
- Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Xi jfisser għalik illum?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.