Fiduċja

Fiduċja

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-33 Ħadd

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.

Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”. Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hekk il-biki u t-tgħażżiż tas-snien””.

(Mt 25, 14-30)

pexels/wallace chuck: trust as creative action

Riflessjoni u talba:

i. Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.

Fiduċja limpida, sabiħa, attenta:
jafda ġidu f’idejhom mingħajr ma jitlobulhom lura
jafda skont il-kapaċità ta’ dak li jkun ħalli ma jgħabbix
isiefer u jagħti spazju u nifs, għax hekk jikbru n-nies.

Irrifletti

  • X’immaġni għandek ta’ Alla?
pexels/sharefaith: trust sets you on a journey


ii. 
Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Mhux biss min isiefer jagħmel vjaġġ
imma wkoll min iħalli l-fiduċja tmexxih:
jagħraf jieħu inizjattiva, jipprova, jissogra, jfittex, jimpenja ruħu, jitħabat …
u t-tnejn jiġu lura mill-vjaġġ
it-tnejn jifirħu b’dak li skoprew
it-tnejn jinfetħu għall-vjaġġ li jmiss:
“Idħol fil-hena ta’ sidek!”

Irrifletti

  • Ieqaf ftit b’sens ta’ sodisfazzjon  quddiem il-ġid li għamilt din il-ġimgħa.

pexels/pixabay: trust is about sharing life


iii. Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”.

L-att ta’ fiduċja jista’ jinbidel f’gidba!
Bħal Adam, nagħżel li nistaħba
flok bniedem afdat nibda narani vittma imnikkta
flok bniedem b’dinjità, b’qawwa ta’ ħajja
nibda narani ma niswa għal xejn, u nistaġna
flok Alla li jafdani inpenġih bħala raġel aħrax.

Irrifletti

  • Fejn mistieden tiskopri lil Alla b’mod ġdid?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.