Fuq il-muntanja biex terġa tinżel.
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-2 Ħadd tar-Randan – B
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Jien nimxi quddiem il-Mulej f’art il-ħajjin.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.
Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.
Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”. Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.
Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet.
(Mk 9, 2-10)
Riflessjoni u talba:
i. Tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb.
Dak li niżel fl-ilma tal-Ġordan għax tgħabba bil-mard u n-niket tagħna
dak li ġarrab id-deżert u l-elf tentazzjoni li theddidna
huwa dak li tela’ fuq il-muntanja u mtela’ bid-dija.
Xefaq ġdid jinfetaħ
u l-bniedem jiskopri li
jista’ ma jinħakimx mill-gidba
jista’ ma jintrebaħx mill-ħażen
jista’ jsib il-kuraġġ biex jgħixi it-tajjeb
u jiddi bis-sbuħija t’Alla.
Irrifletti
- Xi tfisser għalik li tħallih itellgħek fuq muntanja għolja minn fejn qed bħalissa?
ii. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù. Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”.
Pietru nesa
li kemm Elija u kemm Mosè għaddew mid-diżappunti u l-fallimenti
li kemm Elija u kemm Mosè ma baqgħux fuq il-muntanja!
Ma’ Pietru nsibha diffiċli biex nifhem
li Alla jsalva bil-mod kif jiċċekken
li s-sbuħija tal-bniedem toħroġ fil-mod kif jingħata.
Irrifletti
- Ieqaf ftit u stagħġeb quddiem is-sbuħija tal-mogħdrija profonda tal-wiċċ ta’ Kristu msallab?
iii. Minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”.
It-tlablib ta’ Pietru –
li jgħid xi ħaġa għax ma jafx x’jaqbad jgħid –
jiġi segwit mill-kliem tal-Missier
li jgħidilna biex nisimgħu il-kliem tal-Iben l-għażiż
li l-kliem tiegħu hu spirtu u ħajja
qatt kliem vojt
imma li jeżiġi skiet, stennija, tfittxija
sakemm wieħed jasal jagħraf u japprezza
li l-kelma msikkta fuq is-salib
kontinwament tirxoxta fil-qlub
tqajjem enerġiji ġodda
tisfida kull biża’ li jipparalizza l-bniedem.
Irrifletti
- Tagħraf kemm huwa radikali l-kliem “isimgħu lilu”?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.