Ir-rokna sigrieta t’Alla
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-6 Ħadd matul is-Sena B
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Int kenn għalija, iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, inxteħet għarkupptejh quddiemu u qallu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni!”. Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf!”.
U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf. U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta’ xhieda”.
Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa’ barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.
(Mk 1, 40-45)
Riflessjoni u talba:
i. Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf!”.
Fir-rokna sigrieta tagħna
fejn inħossuna morda, maħmuġa, mormija
fejn inkunu se ningħalqu għal kollox
u kemm kemm inlissnu “jekk trid”
niltaqgħu mar-rokna sigrieta t’Alla
li tiġġenera u ċċaqlaq
li tnaqqas id-distanza flok iżżidha
li tippreferi tieħu r-riskju tar-rifjut mill-indifferenza
li determinata li tfejjaq, tintegra, issaħħaħ:
il-ħniena t’Alla li tfittex li tirriabilita l-persuna mhux tarmiha.
Irrifletti
- Xi jfisser għalik li mir-rokna moħbija tiegħek tiltaqa’ mal-imħabba profonda t’Alla?
ii. U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd”.
Kmand stramb!
X’għandu x’jaħbi?
Mhux xi ħaġa pożittiva?
Imma Ġesù jippreferi hekk.
Għax ir-rokna sigrieta t’Alla
li tqanqal biex tersaq qrib, tintegra u tfejjaq
faċli tiġi mċajpra mill-fama
li ġġiegħel l-imħabba tirtira biex tfittex lilha nnifisha;
faċli tiġi manipulata biex tfittex il-poter fuq in-nies
flok li timxi t-triq mal-fraġli;
flok jitmexxa mir-rokna sigrieta
jispiċċa skjav tal-faċċata
li jrid jiddefendi akkost ta’ kollox
anke meta tfisser li ma jibqax jara lil min għadu mormi.
Irrifletti
- X’inhi l-qalba ta’ ħajtek, dak li tixtieq li jmexxi d-deċiżjonijiet tiegħek?
iii. Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher.
Issa l-persuna tbati bil-ġdiem, imfejqa,
tista’ tidħol lura r-raħal;
filwaqt li dak li fejjaqha ikollu jibqa’ barra!
U hekk jerġa jiġri f’Ġerusalemm:
Dak li ġie biex isalva
biex jiġbor f’merħla waħda lil dawk imxerrda
jispiċċa msallab barra mill-belt!
U hekk jibqa’ jiġri:
M’hemmx imħabba akbar minn dik
li lesta ġġorr il-konsegwenzi
li tagħti minnha nnifisha biex il-qamħ jirxoxta!
Irrifletti
- B’liema mod mistieden tingħata għall-oħrajn?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.