Ieqaf quddiem dak li Hu
Niċċelebraw l-Evanġelju ta’ Pentekoste.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej,
u ġedded il-wiċċ tal-art.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu.
Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom”.
(Ġw 15:26-27; 16:12-15)
Riflessjoni u talba:
i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu.
Nieqaf quddiem dak li Hu
quddiem dak li xtaqna fil-ħajja
nieqaf bil-kumplessità li nesperjenza
bit-tlugħ u nżul
bl-insigurtajiet u l-biżgħat
u tant qxur li nivvinta biex ninħeba
nieqaf quddiem dak li Hu
u nirċievi Difensur
li jilliberani biex nista’ noħroġ
u nixhed is-sbuħija ta’ Dak li Hu.
Irrifletti
- Liema eku tnissel fik il-kelma “Difensur”?
ii. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha.
Nieqaf quddiem dak li Hu
li ma hemm ebda qerq fiH
li jagħti tama li ma tqarraqx bina
li jirbaħ fuq l-ispirtu tal-gideb
li jidħol fid-dlamijiet
fejn ninħbew mis-sbuħija tad-dawl
fejn nirtiraw wara li nkunu ġejna mqarrqa
fejn ninħlew f’dak li hu superfiċjali
fejn is-suppervja tagħlaqna mill-possibiltà li niddakkru
Nieqaf quddiem dak li Hu
u nirċievi l-Ispirtu tal-verità
li jerġa jqabbadni t-triq
li twassalna għall-verità
dik li tagħti l-ħajja!
Irrifletti
- Fejn kellek stedina biex tiskopri u titgħallem xi ħaġa ġdida?
iii. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.
Nieqaf quddiem dak li Hu
u nikkontempla is-sbuħija li tilma
meta l-ilma jfur, idur, u jsaqqi
u Alla jkompli jħobb, jagħti u jġedded
u l-bniedem jirċievi, jgħożż u jgħaddi.
Irrifletti
- Fejn għandek stedina biex tinħeles mill-bżonn li kollox idur miegħek?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.