Inżel fil-fond.
Niċċelebraw l-Evanġelju tar-raba’ Ħadd tas-sena
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’sens ta’ gratitudni:
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. (Salm 24)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.
Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!”.
Imma Ġesù kkmandah: “Iskot! Oħroġ minnu!”. Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.
U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!”. U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.
(Mark 1, 21-28)
Riflessjoni u talba:
i. Daħlu f’Kafarnahum … Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga
Daħal. U n-nies baqgħu mistagħġbin bl-istil tat-tagħlim … bħal wieħed li għandu s-setgħa.
Mhux bħall-kittieba … li jibqgħu barra, ‘l bogħod.
Ma jersqux fil-qrib tal-problemi tan-nies.
Ma jinżlux fil-fond tat-tifsira tas-Sibt: fatti xejn.
Lil Ġesù ifittxu li joqtluh għax ifejjaq nhar ta’ Sibt.
Bit-tagħlim tagħhom jibqgħu ‘l bogħod u jgħabbu b’toqol..
Ġesù jidħol qrib u jeħles!
Irrifletti:
Min huma l-persuni li l-kliem tagħhom tagħtih piż? X’jolqtok fihom?
ii. Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret?
L-ispirtu ħażin fi bniedem (anthrōpos) jgħid lill-qaddis ta’ Alla: x’għandna x’naqsmu? Ġejt biex teqridna?
Bħallikieku l-bniedem mhux possibbli jgħix m’Alla.
Bħallikieku l-bniedem maħluq bħala dar għall-ispirtu ħażin.
Bħallikieku t-tajjeb mhux possibbli fil-bniedem
Imma l-qaddis ta’ Alla jinżel u jieħu l-isem ta’ Ġesù ta’ Nażaret.
Jinżel u jidħol fis-sinagoga.
Fil-post speċjali, dedikat biex il-bniedem ikun ma’ Alla (l-qaddis), tibda l-ġlieda: aħna x’għandna x’naqsmu?
Lil dak li ismu ifisser isalva/jeħles (Ġesù), il-bniedem jgħidlu “Ġejt biex teqridna?”
Meta tidħol persuna f’ħajjitna u turina t-tajjeb b’ħajjitha,
turina t-tajjeb li kapaċi jgħix il-bniedem (u jien),
turina l-ħażin,
tqum battalja fina:
b’xi mod inħossu li se ninqerdu jekk inneħħu l-ispirtu ħażin!
Irrifletti:
- Liema spirtu ħażin qed insibuha diffiċli li naffrontaw fis-soċjetà? f’ħajjitna personali? Inġustizzja, razziżmu, diskriminazzjoni, kilba (irridu dejjem iżjed) …
Iċċelebra
- Meta ma stajtx taħfer u irnexxielek tagħmel pass.
- Meta ma stajtx tieħu impenn għax bżajt li tista’ tfalli, u għamilt deċiżjoni.
- Meta l-ambizzjoni ma ħallietekx tagħraf il-verità sakemm xi ħadd fetaħlek għajnejk.
iii. “għajjat għajta kbira u ħareġ minnu”
U l-ġlieda tiħrax.
Filwaqt li dak il-bniedem tas-sinagoga jinħeles mill-ispirtu ħażin,
lil Ġesù jibdew jakkużawh li immexxi minn spirtu ħażin (“Dan għandu fih lil Beelżebul” Mk 3, 22),
jibdew ir-reżistenzi,
sal-punt li Ġesù jieħu l-post tal-bniedem imkisser mill-ispirtu ħażin:
“hekk hu l-bniedem anthrōpos” (Gwanni 19,5).
U Ġesù jibqa’ jinżel sal-punt tas-salib.
Issa hu “għajjat għajta kbira u radd ruħu” (Mk 15,37).
Ġesù jitkellem bis-setgħa għax jidħol f’solidarjetà sħiħa magħna filwaqt li jagħtina dak li hu tiegħu: l-Ispirtu Qaddis.
Il-purtiera tat-tempju tiċċarrat għax issa l-bniedem jagħraf li
l-qaddis ma jiġix biex jeqred il-bniedem,
u aħna nsiru t-tempju tal-Ispirtu,
u dak li imqabbad jissorvelja li l-qtil isir (iċ-ċenturjun), jistqarr: “Dan il-bniedem anthrōpos kien tassew bin Alla” (Mk 1, 39).
Ikkontempla:
Irċievi l-Ispirtu ta’ Alla fik! Għaraf il-presenza ta’ Alla fik: mhux biex jeqred iżda biex jillibera.
The followers of Christ have been called to peace …
And they must not only have peace but make it.
And to that end they renounce all violence and tumult.
In the cause of Christ nothing is to be gained by such methods …
His disciples keep the peace by choosing to endure suffering themselves
rather than inflict it on others.
They maintain fellowship where others would break it off.
They renounce hatred and wrong.
In so doing they overcome evil with good,
and establish the peace of God in the midst of a world of war and hate.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.