Browsed by
Category: Family Liturgy

Terapija meħtieġa

Terapija meħtieġa

F’dak iż-żmien, Ġesù kellem lin-nies u lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom: “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn. Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom.
Kull ma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatteri u jtawlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom “rabbi”.
Imma intom tħallux min isejħilkom “rabbi”, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejħu lil ħadd “missier” fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewiet. Hekk ukoll tħallux min issejħilkom “mexxejja”, għax il-Mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla”. (Mt 23, 1-12)

Tħossok imxerred?

Tħossok imxerred?

F’dak iż-żmien, il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?”. Qallu Ġesù: ““Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti”. (Mt 22, 34-40)

Kliem.

Kliem.

F’dak iż-żmien, il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b’xi kelma. U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma’ xi Erodjani u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares. Għidilna ħaġa, mela: Int x’jidhirlek? Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?”.

Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta’ moħħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b’oħra? Uruni l-munita tax-taxxa”. Urewh dinar, u Ġesù staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?”. Qalulu: “Ta’ Ċesari!”. Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”.

(Mt 22, 15-21)