Il-qawwa ta’ ħarsa.

Il-qawwa ta’ ħarsa.

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tieni Ħadd tas-sena


Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nikkontempla l-azzjoni t’Alla:

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.
Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Gwann

F’dak iż-żmien, Ġwanni kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”. Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.
Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?”. Iżda huma staqsewh: “Rabbi” – li tfisser, Mgħallem – “fejn toqgħod?”. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw”. U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dakinhar baqgħu miegħu. Kien ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar.
Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.

(Ġwanni 1, 35-42)


Riflessjoni u talba:

person holding white printer paper

i. Ġwanni kien hemm …

Ġwanni kien hemm …
Il-bidu tal-ġrajjiet kbar li jibdlu l-istorja ta’ persuna u l-istorja tad-dinja
jibdew grazzi għal persuni li jkunu hemm …
Li jaqdu dmirhom bla daqq ta’ trombi
Li juru t-triq mingħajr ma jfittxu li jibqgħu fin-nofs huma
Li jagħrfu l-aħjar kelma li għandhom jgħidu u jgħiduha fil-waqt it-tajjeb
Li jilliberaw il-persuni li hemm magħhom u
mhux joħonquhom, iżommuhom imdendlin biex iħossuhom importanti huma.
Ġwanni kien hemm … bniedem kbir għax għandu libertà tal-qalb …
Għax kellu l-paċenzja joqgħod hemm … għax il-ħarsa tiegħu kienet profonda u tara ‘l bogħod: ħares lejn Ġesù (emblepsas)

Irrifletti:

Hemm xi persuna li mxiet miegħek bħal Ġwanni l-Battista? Li inkuraġġietek biex timxi ‘l quddiem (bla interessi!)?

woman holding boy

ii. Iżda 

Iżda: forsi tidher kelma sekondarja ħafna! Diffiċli tinqabad fir-ritratt – ir-ritratt ta’ x’ġara!
Però hija kelma li taqbad dak li qed jiġri fil-qalb, dik li tagħmel l-istorja interessanti, dik li permezz tagħha il-futur jibda jseħħ.
Wara li Ġesù ħares lejhom sew (theasamenos) u staqsihom “Xi tridu?”, il-kelma “iżda” turi l-inizjattiva ta’ żewġ żgħażagħ li jwieġbu, li jfittxu, li jinvolvu ruħhom, li jieħdu inizjattiva.
Il-laqgħa hija sempliċi iżda fl-istess ħin profonda ħafna: ħarsa li tmiss il-qalb – iżda qalb li kapaċi twieġeb.

Irrifletti:

Ftakar f’xi laqgħa ma’ persuna li kienet profonda ħafna. Li bidlitek.Kieku kellek tisma’ l-mistoqsija ta’ Ġesù “Xi trid? X’tixtieq?”, x’iżżid mal-kelma “iżda…”?

iii. L-ewwel ma għamel

Il-prijoritajiet jinbidlu meta tagħmel esperjenza profonda ħafna.
Ġieli iltqajna ma’ persuna li għaddiet minn esperjenza diffiċli ħafna u bidlet il-mod kif tgħix: per eżempju, tibda tagħti valur aktar meqjus lix-xogħol biex tagħti prijorità lir-relazzjonijiet/lill-familja.
L-esperjenza ta’ Indri twassal lil ħuħ Xmun għal bidla sħiħa.
Indri jieħdu quddiem il-ħarsa profonda ta’ Ġesù – emblepsas – li jagħtih isem ġdid (Kefa/Pietru) – identità aktar profonda.

Ikkontempla:

Il-laqgħa tiegħek ma’ Ġesù kif tispirak għal prijoritajiet differenti?

Din ir-riflessjoni ta’ Pedro Arrupe SJ kif tgħinek tifhem dak li qed jiġri fl-Evanġelju?

Fall in Love

Nothing is more practical than
finding God,
than falling in Love
in a quite absolute, final way.
What you are in love with,
what seizes your imagination,
will affect everything.
It will decide
what will get you out of bed in the morning,
what you do with your evenings,
how you spend your weekends,
what you read,
whom you know,
what breaks your heart,
and what amazes you with joy and gratitude.
Fall in Love, stay in love,
and it will decide everything.

Attributed to Fr. Pedro Arrupe, SJ (1907-1991)
From Finding God in All Things: A Marquette Prayer Book © 2009 Marquette University.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.