Il-Perspettiva ta’ Alla
Mument ta’ talb: It-Tnejn u Għoxrin Ħadd Matul is-Sena A
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ħadd: perspettiva
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
F’qalbi hemm xewqa għall-verità:
“Ejja,” għedt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu”;
jien wiċċek infittex, Mulej.
… Urini, Mulej, it-triq tiegħek,
mexxini minn mogħdija dritta.
(Salm 27)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 16, 21-27)
F’dak iż-żmien, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.
Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”. Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!”.
Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel”.
Riflessjoni u talba:
i. Kurżità 1
Għaliex meta Pietru kien ċaħad lil Ġesù tliet darbiet,
Ġesù ma jgħajjatx? Ma jċanfarx?
Sempliċiment ħarsa u mistoqsija “Tħobbni int?” jibdlu lil Pietru fi bniedem … li jaf iħobb.
Allura għaliex hawn Ġesù joħroġ daqshekk b’mod qawwi?
Juża żewġ kelmiet li uża max-xitan fit-tentazzjonijiet: il-kmand “Itlaq” u “Satana” (Ara Mt 4,10)
Kontra għal dak li naħsbu, Alla mhux għassa għall-waqgħat u l-imperfezzjoni tagħna!
Iżda għassa fuq il-qalb tiegħu, li “ma jitlifx ruħu”, l-Ispirtu, dak li hu fil-qalba ta’ dak li Hu, il-mod kif jiġġudika u jaġixxi: IMĦABBA.
Meta darba Ġesù jied jgħaddi minn raħal u ma ħallewhx
Xi dixxipli qalulu “Tridx nitolbu li jinżel nar mis-sema”.
Ġesù dar u ċanfarhom: “Ma tafux ta’ liema spirtu intom”. (Ara Luqa 9,55)
- X’inhi l-immaġni tiegħek ta’ Alla?
- Xi ħadd għassa għall-iżball tiegħek? Ma jimpurtahx? Għalih kollox xorta? Ix-xejn?
- Jew dak li tant huwa mħabba, li anke meta jhedduh u joqtluh, jibqa’ jħobb. Imħabba li terġa tisponta. Wara tlett ijiem iqum!
ii. Kurżità 2
Kif inhi li dak li ħalaq il-ħajja, dak li entużjast huwa u josserva l-ħolqien, jiekol, jixrob u jibni ħbiberiji sbieħ ma’ Marta, Marija, Lazzru, Pietru, Ġwanni, Marija ta’ Magdala, li ġie biex jagħti ħajja u ħajja bil-kotra, biex il-ferħ tiegħu ikun fina u l-ferħ tagħna jkun sħiħ …
Kif inhi li jgħid “Min irid jiġi warajja irid jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, jimxi warajja!
Qisha tistona.
Interessanti li Ġesù ma’ Pietru ma jgħidlux biss il-kelma “Itlaq” (bħalma qal lix-xitan) iżda jżid il-kelma “warajja”, dik li jgħid ukoll lid-dixxipli “Min irid jimxi warajja…”.
Ġesù ġie biex jurini t-triq biex anke jien “ma nitlifx ruħi”: imżejjen minn barra iżda imnawwar minn ġewwa, ma nafx liema spirtu qed imexxini, bla dinjità, bla qalb li tħobb.
“Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u imbagħad jitlef ruħu?”
Tfakkarni fid-diżordni li daħal fid-dinja meta l-ewwel bniedem ried
mhux “sempliċiment” jiekol mis-siġar kollha tal-ġnien iżda
jieħu kollox … anke s-siġra waħda li Alla qallu ma jiekolx minna.
Meta l-bniedem jipprova jieħu kollox jitlef ruħu.
- Qatt iltqajt ma’ persuna li ispiratek bil-mod kif tgħix mal-limitazzjonijiet tal-ħajja?
- Familja bi ftit riżorsi iżda jafu jħobbu;
- persuna li tilfet xi abbiltà fiżika iżda tgħallmek bl-għerf umli tagħha;
- id-determinazzjoni ta’ persuna li l-ħajja ma ġietha faċli xejn;
- il-ġid kbir li jagħmlu diversi insara u reliġjużi fil-komunità b’riżorsi limitati (kemm Malta u kemm fil-missjoni).
iii. Lura ‘l quddiem: it-triq ta’ Ġesù lejn il-ġnien tal-qawmien
Għax ried kollox, il-bniedem tilef l-armonija tal-ġnien tal-Għeden:
- Mal-ħolqien: ara l-problemi li noħolqu minħabba li nippretendu iżżejjed u narmu iżżejjed;
- Max-xogħol: għax irridu dejjem iżjed, hemm min isir skjav tax-xogħol u hemm min jagħmel lil ħaddieħor skjav tiegħu;
- Fir-relazzjonijiet: biex ikolli kollox jew nuża lill-persuna l-oħra, jew nippretendi li tkun kopja tiegħi, jew nieħu dak li hu tagħha.
Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja!
It-triq ta’ Ġesù lura għall-armonija:
- Jiċħad lilu nnifsu: Nirreżisti l-kilba li jkolli kollox
- Jerfa’ salibu: Naċċetta li l-ħajja fija l-limitazzjonijiet: jien m’għandix bżonn inkun kollox, m’hemmx bżonn ngħir għall-kwalità li nara f’ħaddiehor, nagħraf li għandi bżonn ħaddiehor, naċċetta li nħobb mhux biex nieħu xi ħaġa li għandi bżonn iżda biex inħobb anke jekk ġieli bla rikonoxximent, jekk mhux ukoll – bħal Ġesù – ipattulek il-ġid bid-deni.
- Nimxu wara Ġesù, t-triq lejn il-ġnien tal-qawmien, lejn is-Saltna t’Alla, lejn armonija mġedda:
- Mal-ħolqien: Ġesù li jaf josserva, jiggosta, jippomwovi l-ħolqien: Araw il-ġilju … l-għasafar … ma tiswewx intom aktar minnhom. Tinkwetawx ruħkom…
- Max-xogħol: jaħdem b’gost għax il-Missier jaħdem; jaf jieqaf ftit u jifraħ bil-ġid li sar (Infaħħrek Missier…); jaf jistenna u mhux irid kollox lest mill-ewwel (is-Saltna bħal żerriegħa ċkejkna); jaf jgħid le meta tkun ser tinqabeż il-linja u jpoġġuh f’posizzjoni li jikkontrolla n-nies (meta riedu jagħmluh Sultan); jaf jafda u mhux jagħmel kollox hu (mhux micromanagement).
- Fir-relazzjoni: mhux jaħkem fuq n-nies iżda servizz.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.