Avvent bil-maskra! Terapija għall-għajnejn?

Avvent bil-maskra! Terapija għall-għajnejn?

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ewwel Ħadd tal-Avvent


Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ħadd

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: 4 xemgħat/girlanda, Bibbja, mument ta’ silenzju


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nidħol fit-talb b’xewqa li għajnejja jiltaqgħu ma’ tiegħu:

Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;
ħares mis-sema, u ara,
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,
ir-rimja li int kabbart għalik.

(Salm 79)



L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 13, 13-37)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.

Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin.

U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”.

 (Mk 13, 13-37)


Riflessjoni u talba:

L-Avvent ta’ din is-sena bil-maskra!

Mhix il-maskra ta’ lejliet ir-Randan, tal-Karnival, dik li mistoħbijin warajha bħal Adam u Eva fil-ġnien. Hija l-maskra tal-protezzjoni li minn warajha għajnejna qed jitbexxqu! ifittxu! jistennew futur aħjar!


i. “Kunu għajnejkom miftuħa …”



Għajnejna kultant jingħalqu bin-ngħas tal-għijja, tal-qtiegħ il-qalb, tal-iskuraġġiment,

meta nisimgħu b’mewt oħra, meta xi ħadd jidħaq bina, meta naraw ħażen fuq ieħor.

Inkun ser nagħlaq għal kollox … ma niflaħx nisma’ aktar!

Iżda Ġesù jtenni: “Kunu għajnejkom miftuħa” … bħal ma jqum b’għajnejn miftuħa kollhom ħeġġa t-tfajjel xħin jisma’ min ġej …

Hekk dan l-Avvent! Is-Sid ġej! Id-dinja mhix tal-virus. Id-dinja mhix tal-ħażen. Lanqas tal-falliment. Imma tiegħU! Ta’ dak li jsalva.

Irrifletti:

  • X’inhu li qed jiskuraġġik l-aktar fis-sitwazzjoni preżenti?
  • Fejn kellek xi esperjenza ta’ inkuraġġiment u għajnejk infetħu b’entużjażmu ġdid?

Kárba ta’ dúdu
ma jismagħhíex il-bníedem,
iżd’ Álla íva.

(Oliver Friġġieri)

ii. “Ishru I” – Għajnejn biex jagħarfu l-presenza t’Alla, l-imħabba li ssalva

Hemm bżonn 4 ġimgħat ta’ Avvent, ta’ stennija? Għax ma jaqbadx u jiġi??!

Jew forsi hemm bżonn ta’ taħriġ tal-għajnejn? Bħal meta miexi fit-triq, b’xi ftit ċpar fuq in-nuċċali u l-maskri f’wiċċ l-oħrajn, nipprova nagħraf lil dak li jkun. Irrid nitgħallem is-sengħa ta’ kif nagħraf l-għajnejn li qed jitbissmu minn dawk mimlija rabja, l-għajnejn li jakkużaw minn dawk mimlijin ferħ u mħabba xħin jarawk.

Biex tiltaqa’ mal-għajnejn moħbija ta’ Ġesù, l-imħabba li ssalva,
triq tiżviluppa għajnejn kapaċi jikkontemplaw,
għajnejn li jħarsu bil-qalb, b’imħabba u mhux b’suspett.

Matul din il-ġimgħa:

  • Iddedika ftit ħin ta’ silenzju quddiem il-maxtura, jew kurċifiss, u ħalli lil Alla jħares lejk b’imħabba.


Tgħallímt nitkéllem
fil-bídu. Meta níkber
nitgħállem niskot

Álla jitkéllem
bil-língwa tas-silénzju.
Hi ħóss minn ġéwwa.

  • Ħares bil-mod u b’imħabba lejn in-natura ta’ madwarek u agħraf lil Alla li qed iħobbok permezz tagħhom.

L-imħábba! Ħáres
fl-għajnejn ta’ kélb u tára
lil qálbu fíhom.

iii. “Ishru II” – Għajnejn biex jagħarfu l-presenza ta’ Kristu fil-Vanġelu

Matul dan l-Avvent ħarreġ l-għajnejn ta’ qalbek biex jiltaqgħu ma’ Kristu fil-Vanġelu: “li nkunu kkontemplajnieh bi mħabba, li nkunu waqafna fuq il-paġni tiegħu u qrajnieh bil-qalb.  Jekk nersqu lejh b’dan il-mod, il-ġmiel tiegħu jgħaġġibna, u kull darba jerġa’ lura biex isaħħarna.  Għalhekk hu urġenti li nsibu mill-ġdid dak l-ispirtu kontemplattiv, li jħallina niskopru mill-ġdid ta’ kuljum li aħna depożitarji ta’ ġid li jagħmel iktar uman lill-bniedem, li jgħinu biex jgħix ħajja ġdida.  M’hemm xejn aħjar x’ngħaddu lill-oħrajn. … In-niket tagħna bla tmiem jitfejjaq biss bi mħabba bla tmiem.” (Papa Franġisku, Evangelii Gaudium 264-265)

Ikkontempla:

  • Aqra xi rakkont mill-Vanġelu bil-mod, bl-imħabba, u ħalli l-ġenerożità sempliċi ta’ Ġesù tkellmek!

From the Life of the Elder Zossima:

“I only speak from rapture, and forgive my tears, for I love the Bible. Let him too weep, the priest of God, and be sure that the hearts of his listeners will throb in response. Only a little tiny seed is needed – drop it into the heart of the peasant and it won’t die, it will live in his soul all his life, it will be hidden in the midst of is darkness and sin, like a bright spot, like a great reminder. (…) On the bank of a river I noticed a good-looking peasant lad, about eighteen, looking straight before him with clear and tender eyes. It was a bright, warm, still July night, a cool mist rose from the broad river. We could hear the splash of a fish, the birds were still, all was hushed and beautiful, everything praying to God. Only we two were not sleeping, the lad and I, and we talked of the beauty of this world of God’s ad of the great mystery of it. Every blade of grass, every insect, ant, and golden bee, all so marvellously know their path; though they have intelligence, they bear witness to the mystery of God and continually accomplish it themselves. I saw the dear lad’s heart was moved.”

Mill-kitba ta’ Dostoyevsky – Hymn of the Men Underground. (The Gospel in Dostoyevsky. Selections from his Works. Australia 1988, 159-161)


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.