Deżert

Deżert

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-ewwel Ħadd tar-Randan

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nidħol fil-preżenza ta’ Alla kif jien:

Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. (Salm 24)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mark

F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert. U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-
Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli. Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù
mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla
waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

(Mark 1, 12-15)


Riflessjoni u talba:

i. Immedjatament, l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert

Immedjatament.
L-Ispirtu jitfa’ lil Ġesù fid-deżert. Għal 40 jum!
Forsi tgħid: “Diġà qatta 30 sena jgħix Nażaret. Issa mhux aħjar jibda! Hemm tant x’isir biex isalva d-dinja!”

L-Ispirtu jurik li hemm dinamika ħafna aktar profonda.
Għażel li tibqa’ superfiċjali u ssib li qed tiġri għalxejn.
Fid-deżert,
jew titgħallem tisma’, taqra s-sinjali u hekk tasal.
jew tagħżel li tibqa’ tiġri, tħossok li qed tagħmel xi ħaġa, u ssib li qed titbiegħed aktar mill- għan ta’ ħajtek.
Nibqgħu maqbuda fl-istess mentalità u nistennew li se jkollna riżultati differenti.

(Albert Einstein is widely credited with saying, “The definition of insanity is doing the same thing over and over again, but expecting different results.”)


L-Ispirtu jitfagħna fid-deżert biex ma nibqgħux maħkuma la mill-mentalità li forsi moda u lanqas mill-istatus quo;
Jgħinna niskopru l-libertà ma min jitmexxa mill-profondità tal-qalb ta’ Alla.

Irrifletti:

  • X’jgħinek biex tieqaf ftit u tħalli lil Alla jħobbok u jagħtik perspettiva ġdida?
  • Fejn tħoss li ġejt mitfugħ f’deżert dan l-aħħar? Kif tista’ tara dan iż-żmien ta’ sfida fid-dawl tal-ħidma tal-Ispirtu f’ħajtek?
woman using telescope

ii. “… jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli”

Fid-deżert mhemmx fejn taħrab!
Entertainment u distrazzjonijiet wara ftit jisparixxu.
Malli jisparixxu dawk, nista’ nibda mmiss ir-realtà.

Fid-deżert nagħraf li hemm dinamika li hija tax-xitan u li hija kostanti: l-akkużatur; dak li jiżvijani milli nkun bniedem; li jbellagħhieli li s-sigriet huwa li jkolli l-kontroll ta’ kollox, li jien ċ-ċentru tal-univers u kollox għandu jdur miegħi;


Fid-deżert nitgħallem ngħix mal-bhejjem selvaġġi. Jew hekk jew niddispra! Nimtela b’rabja u naqta’ qalbi. Jien inġorr storja (tal-familja), stejjer (dak li ġarrabt u/jew ħawwadt), persuni li ma nifhimhomx, sitwazzjonijiet iebsa li diffiċli jiċċaqilqu. L-Ispirtu joħodni quddiem ir-realtà … u jgħinni nasal għal rikonċiljazzjoni. Biex nista’ ngħix mal-bhejjem selvaġġi.


Fid-deżert nagħraf ukoll li hemm forzi oħra, sottili, siekta, umli, qawwija, sorprendenti, li jiġu minn imkien … minn ħdan il-Missier: l-anġli li jaqduni.
L-Ispirtu joħodni fid-deżert u jgħinni biex nagħraf niddistingwi bejn dak li jleqq u jilludi (mirage), u s-sinjali ta’ għejun moħbija (oasi).

Irrifletti

  • Ieqaf ftit. Fhiex iġarrbek ix-xitan? Min huma l-bhejjem selvaġġi fl-istorja tiegħek?
  • Fejn issorprendietek xi anġlu?
man in blue and white jacket and blue denim jeans sitting on blue and white floral

iii. “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”

Iż-żmien fid-deżert mhux żmien moħli.
Veru li żmien impenjattiv.

Żmien ir-Randan huwa żmien fejn tnaqqas: tnaqqas mill-ġid biex tagħti karità; tnaqqas mill-kilba (għall-ikel u istinti oħra) u tagħti kontribut għal aktar ugwaljanza; tnaqqas minn rieda ta’ omnipotenza biex tintelaq fir-rieda ta’ dak li jsalva – lilek u lill-kulħadd.

Frott id-deżert, f’dawk l-40 jum “moħlija”, Ġesù jirfina

  • Il-qawwa tiegħu biex jagħraf is-sinjali taż-żmien opportun: “iż-żmien qorob”. Ma jiġrix għalxejn.
  • Il-qawwa biex jipproponi “Aħbar Tajba” – mhux “more of the same” u lanqas kliem fil- vojt.
  • Il-qawwa biex jattira l-aħjar fl-oħrajn: “indmu u emmnu”. L-istil ta’ ħajtu u kelmtu qanqal persuni biex jibdlu l-mentalità u joħolmu bil-perspettiva t’Alla.

Ikkontempla:

  • Fejn qed tara opportunità ġdida f’dan iż-żmien li qegħdin fih? X’inhu l-kontribut li qed jikber fik?

Wild Geese” by Mary Oliver

You do not have to be good.
You do not have to walk on your knees 
for a hundred miles through the desert, repenting.
You only have to let the soft animal of your body
love what it loves.                         
Tell me about despair, yours, and I will tell you mine.
Meanwhile the world goes on.
Meanwhile the sun and the clear pebbles of the rain
are moving across the landscapes,
over the prairies and the deep trees,
the mountains and the rivers.
Meanwhile the wild geese, high in the clean blue air,
are heading home again.
Whoever you are, no matter how lonely,
the world offers itself to your imagination,
calls to you like the wild geese, harsh and exciting—
over and over announcing your place
in the family of things.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.