Il-Kuraġġ tal-Umli

Il-Kuraġġ tal-Umli

Niċċelebraw il-25 Ħadd matul is-sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Mulej hu dak li jżommni (Salm 53)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”. Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.

Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”. U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.

(Mk 9: 30-37)

Kafarnahum

Riflessjoni u talba:

i. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

Nibża’ nsaqsi!
Għax suppost naf kollox? Suppost fhimt?
Għax ma nixtieqx nifhem, għax diffiċli li nagħti ħajti: ma nixtieqx inbati!
Għax diffiċli naċċetta li hemm triq lil hemm minn dak li drajna bih:
X’jiġri jekk naċċetta l-qawmien.

U Ġesù, bil-kuraġġ kollu, bi kliemu  u b’għemilu, ipoġġi mistoqsija li tisfida lil ħajjitna:
“Bin il-bniedem se jingħata … joqtluh … iqum”.

Irrifletti:

  • Kif tisfidak il-ħajja ta’ Ġesù?
Generating Effective Questions | Edutopia


ii. meta kienu d-dar staqsiehom.

Jistaqsihom u jibqgħu siekta!
Ma jagħmlilhomx priedka, ma jagħtihomx ċanfira, ma jużax vjolenza …
Isaqsi
B’mod ġentili jgħinhom ma jibqgħux jaħarbu mill-ħajja,
Ma jibqgħux jaħarbu l-ħajja, t-trasformazzjoni, t-tbatija, il-qawmien
Ma jibqgħux joħolmu li jistgħu isibu s-sigurtà jekk jilbsu xi tip ta’ qoxra:
Li tkun “il-kbir”: meta tqabbel ma’ min? U kemm se ddum tqabbel?
Li tkun “fuq”: meta kulħadd se jispiċċa taħt (it-trab)!
Bil-kuraġġ isaqsi, imiss il-ferita … sabiex idewwi u jagħti l-ħajja.

 

Irrifletti

  • X’jixtieq isaqsik Ġesù?


iii.  Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi …

Trid kuraġġ biex tħalli lil Alla jaqleb ta’ taħt fuq il-mod kif taħsibha!
Forsi l-aħjar tagħti spazju għall-istagħġib …
Kif Alla li sar bniedem ma’ jużax is-saħħa mad-dixxipli imma stil ġentili, konkret, li jmiss il-qalb
Li dak li jista’ kollox, ma jisforza ruħu fuq ħadd … isir dipendenti fuq jekk xi ħadd jilqgħux,
Li dak li hu l-għajn tar-rikkezza kollha, dak li hu akbar … jiġi għand min jilqgħu fiċ-ċokon,
U inti u tistagħġeb,
Tikber f’relazzjonijiet mibnija mhux fuq imposizzjoni, kontroll, biża’ u ħitan,

Iżda f’min jilqa’ u japprezza lil Alla moħbi fil-persuna, u jagħtiha spazju biex tikber.
Min ifittex li jkun l-ewwel billi jkun l-akbar … isib lilu nnifsu l-ewwel … imma waħdu.
Min ifittex li jkun l-ewwel billi jkun qaddej ta’ kulħadd … isib lilu nnifsu l-ewwel wieħed li qed igawdi minn relazzjoni.

Irrifletti

  • Kif il-Vanġelu għenek tiskopri xi ħaġa ġdida fuq il-ħajja?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.