Familja

Familja

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Familja Mqaddsa

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Jaħweh hu Alla tagħna! Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej: “Kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej” – u biex joffru b’sagrifiċċju par gamiem jew żewġ bċieċen, kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek
imur fis-sliem, skont kelmtek,
għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek
li int ħejjejt għall-popli kollha,
dawl biex idawwal il-ġnus,
u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael”.

Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.

Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.

Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.

(Lk 2, 22-40)

pexels/ag-z: Rejoice, …

Riflessjoni u talba:

i. F’dak iż-żmien, Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David.

Dak li hu minn dejjem u jibqa’ għal dejjem
li ħalaq l-immensità tal-univers
għandu l-paċenzja li jidħol fiż-żmien u jieħu ż-żmien
li jżur post ċkejken u jibda minn hemm
li jkellem mara li diġà għandha storja
… minn hemm isalva l-bniedem, id-dinja, iż-żmien.

Irrifletti

  • X’tgħidlek fuq Alla din ix-xena?
pexels/pixabay: Love addresses the heart


ii. 
L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”.

Dak li ċaqlaq il-moviment kollu tal-univers
Dak li ċaqlaq lil Marija biex tibda storja straordinarja ma’ Alla
Dak li jċaqlaq persuna biex tagħraf il-valur ta’ ħajjitha u l-missjoni tagħha
Dak li jċaqlaq il-Knisja biex tkompli twelled il-Kristu fid-dinja:
l-imħabba immensa u personali ta’ Alla!

Irrifletti

  • Ieqaf fuq il-kliem “mimlija bil-grazzja”. Xi tfisser li temminha?

pexels/mike knibbs: love brings movement


iii. Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima

Meta mmissu ma’ dak li jiswa
ma’ dak li quddiemu ma tistax tibqa’ passiv
jew tagħti farka medjokri

Dak li jattirak biex tagħti kollox

jibda proċess ġdid li jġib stagħġib, biża’, inċertezza
kif nista’ nagħmel dan kollu?

Jibda proċess ġdid, relazzjoni ġdida,
fejn tagħżel li tħalli lil Alla li nieda l-univers jaħdem fik:
“l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek”
“Ħa jsir minni skont kelmtek”.

La protagoniżmu u lanqas passività
imma żifna m’Alla!

Irrifletti

  • Xi jfisser għalik illum li tintelaq f’idejn Alla?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.