Ħarsa.

Ħarsa.

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-2 Ħadd matul is-Sena B

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġwanni kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”. Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.

Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?”. Iżda huma staqsewh: “Rabbi” – li tfisser, Mgħallem – “fejn toqgħod?”. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw”. U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dakinhar baqgħu miegħu. Kien ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar.

Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru. (Ġw 1:35-42)

pexels/angela roma: our gaze can be life-giving

Riflessjoni u talba:

i. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”. Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.

Dik ta’ Ġwanni l-Battista
mhix ħarsa ta’ kontroll
li żżomm persuni dipendenti fuqha
iżda ħarsa li tidentifika fejn hemm il-presenza t’Alla
u tgħin il-persuni jaqbdu t-triq li fiha jsibu posthom.

Irrifletti

  • Hemm xi persuni li l-ħarsa tagħhom għamlet differenza f’ħajtek?
pexels/vlad bagacian: a gaze can set us on a journey.


ii. 
Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?” Iżda huma staqsewh: “Rabbi” – li tfisser, Mgħallem – “fejn toqgħod?”. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw”.

Quddiem il-ħarsa ta’ Ġesù
u l-mistoqsija tiegħU
“Xi tridu?”
il-bniedem jinżel fil-ġewwieni tiegħu innifsu
jagħraf ix-xewqa li jgħammar m’Alla
u jibda vjaġġ fejn
jitgħallem jagħraf fejn jgħammar Alla
u jagħżel kif jibqa’ miegħU.

Irrifletti

  • Fejn skoprejt il-presenza t’Alla? Xi tfisser toqgħod miegħU?

Fejn skoprejt il-presenza t’Alla? Xi tfisser toqgħod miegħU?


iii. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru
.

Ġesù jieħu l-ħin biex iħares lejn Xmun
biex imur lil hinn mill-preġudizzji fuqu
biex ma jieqafx fuq l-aġir spontanja u kultant erratiku tiegħu
iżda jieħu l-ħin biex iħares fil-fond
u jagħraf x’hemm miżrugħ fil-qalb
u jqanqal mixja lejn dak li l-persuna kapaċi tkun għall-oħrajn.

Irrifletti

  • Liema ħarsa tgħin il-persuna oħra tagħraf il-valur tagħha?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.