Ibda!

Ibda!

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-3 Ħadd matul is-Sena B

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Triqatek, Mulej, għarrafni.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.
 
Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u ’l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.
 
Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’ Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, u minnufih sejħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.

(Mk 1:14-20)

pexels/suliman sallehi: start again!

Riflessjoni u talba:

i. Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla.

Meta l-poplu qala’ daqqa oħra,
meta vuċi oħra issiktet
u l-innoċenti intefa’ fil-ħabs
u jidher li kollox għalxejn
u fjamma oħra qed tbatti
Ġesù jmur fit-tarf
fejn l-inqas li tistenna xi ħaġa tajba ser tikber
u jxandar l-Aħbar it-tajba ta’ Alla
u jkun il-presenza t’Alla għal dawn in-nies
u jgħid kliem li tista’ tibni futur fuqu
u jagħmel ġesti li jnisslu tama.

Irrifletti

  • Liema kliem u ġesti jesprimu l-Evanġelju ta’ Alla f’ħajtek?
Liema kliem u ġesti jesprimu l-Evanġelju ta’ Alla f’ħajtek?


ii. 
“Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

L-aħbar kerha tagħmel ħoss –
“lil Ġwanni arrestawh”;
anke jekk ma tistax tniżżilha,
lanqas ma tistax tinjoraha!
Imma meta ser tagħżel fuq x’hiexx ser tibni ħajtek u l-futur tiegħek,
iftaħ widnejk biex tisma’ dak li qed jinbet
iftaħ għajnejk biex tinnota l-passaġġ li qed jinfetaħ
ibdel ir-rotta u ibbaża ħajtek fuq l-Evanġelju
fuq dak li jikkonvinċik bħala tajjeb, sabiħ, veru
fuq is-sinjali tal-presenza t’Alla.

Irrifletti

  • Fejn qed tinnota possibilità ta’ żmien ġdid? X’jitlob minnek?

pexels/hicret: drawn by joy!


iii. Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u ’l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.

Ġesù mhux kliem biss!
Lemaħ fjamma tnemnem,
nies li baqgħu imiddu jdejhom,
qalb li għad għandha xewqat …
nefaħ fuqhom
u l-fjamma tħeġġet
u l-idejn bdew ifejqu
u l-ħolm inbidel f’passi konkreti
fejn Ġesù jkompli jiżra’, ixettel, ikabbar
il-frott tas-Saltna t’Alla.

Irrifletti

  • Fejn mistieden twassal xi ħaġa sabiħa?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.