Malajr.

Malajr.

Niċċelebraw l-Evanġelju tar-4 Ħadd matul is-Sena B

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux qalbkom.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.
Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!”.
Imma Ġesù kkmandah: “Iskot! Oħroġ minnu!”. Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.
U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!”. U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.

(Mk 1:21-28)

pexels/cottonbro: transmission of life-giving words

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem.

Dettall li jidher ċkejken –
“malajr/minnufih” (εὐθὺς) –
kelma li tikxef id-determinazzjoni
l-għażliet konkreti u ċari ta’ Alla
marbuta ma’ dak li jrid iwettaq:
“minnufih hu u tiela’ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu …” (1,10)
“minnufih l-Ispirtu ħarġu fid-deżert …” (1,12)
“minnufih sejħilhom” (1,20)
“malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem” (1,21).
Żgur mhux Alla passiv jew indifferenti!

Irrifletti

  • Mill-mod kif jaġixxi Ġesù, x’immaġni tieħu ta’ Alla?
pexels/roman odintsov: waiting for peace!


ii. 
Ġesù kkmandah: “Iskot! Oħroġ minnu!”. Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.

Meta nirċievi kelma ta’ ġid li tisfidani
u tqanqal fija tempesta sħiħa
ta’ rabja, aptit li nattakka lill-persuna, jew li ngħid fuqha,
għinni nagħraf fejn hemm il-vuċi tiegħek
li qed teħlisni mill-ispirtu ħażin
sabiex timlini bl-ispirtu u l-qawwa tiegħek.

Irrifletti

  • Fejn  għandek bżonn il-qawwa tiegħu biex isikket il-vuċijiet li  jagħmlulek il-ħsara?

pexels/allan mas: the ability to wonder


iii. U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!”

Hemm tagħlim u hemm tagħlim.

Hemm ripetizzjoni ta’ formoli
slogans u cliches superfiċjali
spjegazzjoni xotta u bla ruħ
hemm ipokresija.

Hemm kliem ta’ konvinzjoni interjuri
kliem li diġà mgħix u mħaddan
tagħlim li jiġġenera ħajja u jisfida l-mewt
tagħlim awtorevoli mhux awtoritarju.
Hemm integrata.

Irrifletti

  • Fejn irċevejt kelma li tatek ħajja? Meta ltqajt ma’ persuna li titkellem bis-setgħa? Xi kwalitajiet innotajt?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.