Tibżax tiċċaqlaq!

Tibżax tiċċaqlaq!

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Epifanija

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

(Mt 2, 1-12)

pexels/valeria november: raising dust is not exactly the kind of movement you want!

Riflessjoni u talba:

i. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu.

Hemm xi ħaġa fija li żżommni mwaħħlal
flok ninfetaħ, niċċaqlaq, nimxi, nivvjaġġa, ninfetaħ biex ninbidel
ningħalaq iżjed, niġġustifika l-posizzjoni tiegħi, nibni strateġiji
biex ngħatti kull stilla li ċċaqlaq il-qalb!

Irrifletti

  • Fejn għandi stedina u qed insibni qed neħel?
pexels/su casa panama: the body reflects the movement of the heart.


ii. 
Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh.

Fejn ma’ Erodi mħawwal
nistenna biss li nkun fiċ-ċentru jien u jaduraw lili,
il-Maġi jiftħuli triq oħra:
l-umiltà li ġġib magħha ferħ
li nħalli tikka dawl tqanqalni biex infittex u nesplora
li nagħraf li m’inix Alla
li naduraH fit-tarbija li tgħannaq il-bniedem.

Irrifletti

  • Fejn ħassejt qalbek tinfetaħ b’imħabba għal Alla?

pexels/nataliya vaitkevich: the movement of sharing


iii. Fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Fejn ma’ Erodi inkun qed nippjana
kif ser neqred kull persuna, kull idea żgħira kemm hi żgħira,
li tistedinni biex ninbidel, biex ma nibqax egoċentriku, biex nadotta stil aħjar,
insib il-Maġi jieħdu l-ħin biex jaqsmu milli għandhom
jagħtu unur u stima lit-tarbija
jirrikonoxxu l-kwalitajiet tagħha
jadottaw triqat li forsi jikkumplikaw ir-ritorn tagħhom
basta ma jipperikolawx il-persuna ta’ Ġesù u l-istil tiegħu f’ħajjithom.

Irrifletti

  • X’inhu t-tajjeb li tixtieq taqsam ma’ ħaddieħor din is-sena?  


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.