Fuq felu ta’ Ħmar.
Niċċelebraw l-Evanġelju ta’ Ħadd il-Palm – B
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
Xħin waslu qrib Ġerusalemm, quddiem Betfaġe u Betanja, ħdejn l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru fir-raħal li hemm biswitkom, u kif taslu hemmhekk issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom: ‘Dan kif qegħdin tagħmluh?’, għidulu: ‘Il-Mulej jeħtieġu, u malajr jerġa’ jibagħtu hawn’”.
Marru, u sabu felu marbut ħdejn bieb barra fit-triq; u ħallewh. Xi wħud minn dawk li kienu hemm qalulhom: “X’intom tħolluh tagħmlu dak il-felu?”. Huma weġbuhom kif kien qalilhom Ġesù, u dawk ħallewhom jagħmlu.
Ħadu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u Ġesù rikeb fuqu. U bosta nies firxu fit-triq l-imnatar tagħhom, u oħrajn xi friegħi ħodor li kienu qatgħu mill-għelieqi. U kemm dawk li kienu miexja quddiem u kemm dawk li kienu miexja wara, bdew jgħajtu: “Hosanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna. Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”.
(Mk 11:1-10)
Riflessjoni u talba:
i. Xħin waslu qrib Ġerusalemm, quddiem Betfaġe u Betanja, ħdejn l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu …
Quddiem Betfaġe
“id-dar tat-tin li għadu ma sarx”
quddiem Betanja
“id-dar tat-tin”
imma wkoll “id-dar tat-tbatija” …
quddiem Betfaġe u Betanja
Ġesù iħejji biex jidħol Ġerusalemm:
fit-tbatija li jħoss quddiem poplu li mhux qed jagħti t-tin (ara Mk 11, 12-14)
jiftaħ triq ġdida li tagħti frott bnin (Ara Mk 13, 28-32).
Irrifletti
- Xi frott qed tagħti b’ħajtek bħalissa?
ii. “Morru fir-raħal li hemm biswitkom, u kif taslu hemmhekk issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom: ‘Dan kif qegħdin tagħmluh?’, għidulu: ‘Il-Mulej jeħtieġu, u malajr jerġa’ jibagħtu hawn’”.
“Il-Mulej jeħtieġu”.
Felu ta’ ħmar
mhux żiemel qawwi
mhux armamenti
mhux is-saħħa tal-forza
iżda felu ġwejjed jeħtieġ
is-saħħa t’Alla fil-qalb ħelwa u umli
il-bluha t’Alla aktar għarfa!
Irrifletti
- X’jolqtok fl-istil ta’ Ġesù?
iii. U kemm dawk li kienu miexja quddiem u kemm dawk li kienu miexja wara, bdew jgħajtu: “Hosanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna. Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”.
Jaf jgħaddi minn fost in-nies
li jgħajtu “Hosanna, Hosanna”
u jaf jgħaddi minn fost in-nies
meta jgħajjtu “Sallbu, Sallbu”.
La jiżbilanċja hawn u anqas hemm!
Issa kull bniedem jista’ jakkwista
l-istess libertà
l-istess qawwa ta’ mħabba.
Irrifletti
- Fejn l-aktar faċli tiżbilanċja ruħek?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.