Browsed by
Category: Family Liturgy

Ġrieħi li jfejqu!

Ġrieħi li jfejqu!

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.
Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.
Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu. (Ġw 20, 19-31)

Enormi!

Enormi!

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu lill-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”.
Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.
Sa dakinhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. (Ġw 20, 1-9)

Ġwejjed?

Ġwejjed?

Xħin waslu qrib Ġerusalemm u ġew quddiem Betfaġe lejn l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat żewġ dixxipli u qalilhom: “Aslu sar-raħal biswitkom; u minnufih issibu ħmara marbuta u felu ħdejha; ħolluhom u ġibuhomli. Jekk xi ħadd jgħidilkom xi ħaġa, weġbuh: ‘Il-Mulej jeħtieġhom, u malajr jerġa’ jibgħathom lura’”.
Dan ġara biex iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal: “Għidu lil bint Sijon: ‘Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, ġwejjed, riekeb fuq ħmara u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija’”.
Id-dixxipli marru u għamlu kif ordnalhom Ġesù; ġiebu l-ħmara u l-felu, qiegħdu fuqhom l-imnatar tagħhom, u hu qagħad fuqhom.
Għadd kbir ta’ nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq. Il-folol li kienu miexja quddiem u dawk li kienu miexja wara bdew jgħajtu u jgħidu: “Hosanna lil Bin David! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”.
Meta mbagħad daħal Ġerusalemm, il-belt kollha tqanqlet u n-nies bdew jgħidu: “Dan min hu?”. U l-folol weġbuhom: “Dan hu l-profeta Ġesù minn Nazaret tal-Galilija”. (Mt 21:1-11)