Browsed by
Category: Family Liturgy

Fittxu l-kwalità!

Fittxu l-kwalità!

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.
Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna’. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh.
Smajtu xi ntqal: ‘La tagħmilx adulterju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.

Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu’. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: ‘iva, iva’; ‘le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.

(Mt 5:20-22a, 27-28,33-34a,37)

Tibqax tistaħba!

Tibqax tistaħba!

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.
Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”. (Mt 5, 13-16)

Innota!

Innota!

F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:
 
“Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta,
għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa,
għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bl-għatx tal-ġustizzja,
għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu,
għax huma jsibu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom,
għax huma jaraw lil Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi,
għax huma jissejħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom
u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”.

(Mt 5, 1-12a)