Browsed by
Category: Family Liturgy

Tiskantax li hemm triq aħjar!

Tiskantax li hemm triq aħjar!

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu xi ntqal: ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna’. Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi, jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.
Smajtu xi ntqal: ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek’. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.
Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”. (Mt 5:38-48)

Fittxu l-kwalità!

Fittxu l-kwalità!

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.
Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘La toqtolx. Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna’. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh.
Smajtu xi ntqal: ‘La tagħmilx adulterju’. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.

Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari: ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu’. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: ‘iva, iva’; ‘le, le’; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.

(Mt 5:20-22a, 27-28,33-34a,37)

Tibqax tistaħba!

Tibqax tistaħba!

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.
Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”. (Mt 5, 13-16)